In-navigazzjoni permezz tal-inċertezza
Qed isir aktar diffiċli li wieħed ibassar kif u għaliex jinbidlu l-prezzijiet. Dan jista’ jkun minħabba xokkijiet f’daqqa, bħat-tifqigħa tal-gwerra, jew minħabba bidliet li jimxu bil-mod li jbiddlu l-mod kif jaħdmu l-ekonomiji tagħna. Jew jista’ jkun taħlita tat-tnejn. L-inċertezza hija karatteristika li tiddefinixxi x-xenarju ekonomiku tal-lum.
Minħabba dan, il-prezzijiet jistgħu jinbidlu aktar malajr u b’intensità akbar. Din mhix biss xejra għal żmien qasir. Forzi b’saħħithom bħall-ġeopolitika, l-użu tal-intelliġenza artifiċjali, it-tixjiħ tal-popolazzjoni u t-theddid għall-ambjent qed isawru mill-ġdid ukoll ix-xejriet tal-inflazzjoni fit-tul. U dawn ix-xejriet ma għadhomx jiġbdu l-prezzijiet b’mod ċar f’direzzjoni waħda. Dan jagħmilha aktar diffiċli biex wieħed ibassar kif l-inflazzjoni se tevolvi maż-żmien.
F’din is-sitwazzjoni inċerta, irridu nkunu viġilanti u flessibbli biex inżommu l-inflazzjoni madwar il-mira tagħna ta’ 2 %. Neħtieġu wkoll settijiet ta’ għodod analitiċi u tal-politika monetarja xierqa li huma adattati għal dawn l-isfidi l-ġodda.